Karti tal-flus u deterrenti kontra l-falsifikazzjoni tal-flus

Kull pajjiż għandu restrizzjonijiet legali dwar ir-riproduzzjoni tax-xbihat tal-karti tal-flus. Il-falsifikazzjoni tal-munita hija reat u filwaqt li r-restrizzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor, f’xi pajjiżi kull riproduzzjoni ta’ xbihat tal-karti tal-flus – anki għal użu artistiku jew għar-reklamar – hija strettament ipprojbita. Anki f’pajjiżi li jippermettu xi użu limitat tax-xbihat tal-karti tal-flus, hemm regoli u rekwiżiti speċifiċi. Din il-websajt tagħti tagħrif dwar ir-riproduzzjoni tax-xbihat tal-karti tal-flus u, għal iżjed tagħrif, fiha links għal websajts ta’ pajjiżi individwali.

Waqt li t-telf ekonomiku totali għas-soċjetà kkawżat mill-falsifikazzjoni tal-flus huwa ġeneralment limitat, il-vittmi li jġarrbu l-ikbar ħsara huma l-individwi u n-negozji, minħabba li ħadd ma jirrimborża lil min jilqa’ karti tal-flus foloz. Il-flus foloz jistgħu wkoll itellfu l-fiduċja fis-sistema tal-ħlas u b’hekk il-pubbliku jibda jħossu inċert jekk għandux jaċċetta flus kontanti għat-tranżazzjonijiet.

Il-grupp maħtur mill-banek ċentrali biex jiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni tal-flus (Central Bank Counterfeit Deterrence Group – CBCDG) huwa responsabbli għal din il-websajt. Sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus (Counterfeit Deterrence System – CDS) ġiet żviluppata mis-CBCDG biex tiskoraġġixxi l-użu ta’ kompjuters personali, apparat tax-xbihat diġitali u softwer għall-falsifikazzjoni. Manifatturi tal-ħardwer u s-softwer adottaw is-CDS minn jeddhom biex kompjuters personali u apparat tax-xbihat diġitali ma jkunux jistgħu jikkupjaw jew jirriproduċu x-xbieha ta’ karta tal-flus protetta. Din it-teknoloġija ma żżommx rekord ta’ kif jintuża kompjuter personali jew apparat li jirriproduċi xbihat diġitali.

Għal tagħrif speċifiku dwar xi pajjiżi jew xbihat ta’ karti tal-flus partikolari li tkun trid tuża, klikkja fuq ir-reġjun fil-mappa jew agħżel il-pajjiż jew il-munita mil-lista.

1.

Reġjuni:

Agħżel reġjun mil-lista jew klikkja fuq il-mappa ta' hawn taħt
 

Munita:

Pajjiżi:

Lingwi:

EUR – euro

Andorra, Awstrija, Belġju, Belt tal-Vatikan, Ċipru, Estonja, Finlandja, Franza (inklużi l-Gijana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion, Saint Pierre u Miquelon u t-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u tal-Antartiku), Ġermanja, Greċja, Irlanda, Italja, Kosovo, Latvja, Litwanja, Lussemburgu, Malta, Monako, Montenegro, Olanda, Portugall, San Marino, Slovakkja, Slovenja, Spanja

Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Irlandiż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan, Ungeriż

Bank jew dipartiment uffiċjali:

Kuntatti:

Links:

Bank Ċentrali Ewropew Xbihat ta’ karti tal-flus b’riżoluzzjoni għolja għal użu professjonali

Qafas legali

Deċiżjoni BĊE/2013/10 tad-19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 37)

Linja Gwida BĊE/2003/5 tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar l-infurzar ta’ miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro irregolari u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro (ĠU L 78, 25.3.2003, p. 20)

Xbihat ta’ karti tal-flus b’dpi baxx

Tagħrif ġenerali dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus:

Huwa reat li tħassar jew tgħarraq karta tal-euro.

Ir-riproduzzjonijiet tal-karti tal-euro m’għandhomx jidhru f’kuntest li jista’ jikkawża xi offiża (e.g. bħala parti minn materjal pornografiku jew vjolenti). Ir-riproduzzjonijiet huma pprojbiti wkoll meta jiksru r-regoli tad-drittijiet tal-awtur marbutin mal-karti tal-euro.

L-Artikolu 1 tal-Linja Gwida BĊE/2003/5 jistabbilixxi l-kriterji għal riproduzzjonijiet irregolari u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10 jistabbilixxi l-kriterji għal riproduzzjonijiet illegali ta’ karti tal-euro. Riproduzzjonijiet simili ta’ karti tal-euro, fil-prinċipju, ma jiġux awtorizzati. L-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-kriterji għal riproduzzjonijiet li jitqiesu li huma skont il-liġi u li għalihom mhija prevista l-ebda approvazzjoni. Għal każijiet li ma jissodisfawx dawn il-kriterji, għandha tinkiseb konferma tal-konformità mar-regoli tar-riproduzzjoni.

Riproduzzjoni fil-mezzi tal-karta stampata:

Hemm xi limitazzjonijiet. Il-limitazzjonijiet li jikkonċernaw id-daqs ivarjaw, pereżempju, skont jekk ir-riproduzzjoni tkunx fuq naħa waħda jew fuq żewġ naħat. Ġeneralment, biex riproduzzjoni tkun skont il-liġi, għandhom jiġu osservati r-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2013/10 u fil-Linja Gwida BĊE/2003/5.

Riproduzzjoni fil-mezzi elettroniċi:

Fil-każ ta’ xbihat diġitali li jkunu aċċessibbli pubblikament, karta tal-flus tista’ tiġi riprodotta jekk tissodisfa ż-żewġ kriterji li ġejjin:

  • Ir-riżoluzzjoni tax-xbieha tkun ta’ 72 dpi jew inqas.
  • Il-kelma Specimen (Kampjun) tkun stampata djagonalment fuq ir-riproduzzjoni b’kulur kontrastanti. It-tul tal-kelma Specimen għandu jkun ta’ mill-anqas 75% tat-tul tar-riproduzzjoni u l-għoli tal-ittri għandu jkun ta’ mill-anqas 15% tal-wisa’ tar-riproduzzjoni.