Mistoqsijiet li jsiru sikwit

X’inhu s-CBCDG?

Il-grupp maħtur mill-banek ċentrali biex jiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni tal-flus (Central Bank Counterfeit Deterrence Group – CBCDG) huwa grupp ta’ 32 bank ċentrali u awtorità tal-istampar tal-karti tal-flus li twaqqaf bix-xewqa tal-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G10. Il-kompitu tiegħu huwa li jinvestiga t-theddidiet ġodda komuni għas-sigurtà tal-karti tal-flus u li jipproponi soluzzjonijiet biex jiġu implimentati mill-awtoritajiet li joħorġu l-flus.

Is-CBCDG isostni u jħaddem teknoloġiji li jiskoraġġixxu l-użu ta’ apparat diġitali għall-falsifikazzjoni tal-flus.

It-32 bank ċentrali mseħbin fil-grupp jiġu minn dawn il-31 pajjiż: l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġappun, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Istati Uniti, l-Isvezja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Kanada, il-Lussemburgu, Malta, in-Norveġja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, it-Turkija u l-Ungerija. Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa membru wkoll.

Il-Gvernaturi tal-G10 jirrappreżentaw il-banek ċentrali ta’ dawn il-11-il pajjiż: il-Belġju, Franza, il-Ġappun, il-Ġermanja, l-Istati Uniti, l-Isvezja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Kanada, l-Olanda u r-Renju Unit.

Għaliex is-CBCDG jiġġieled kontra l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus?

Il-falsifikazzjoni tal-flus hija reat. Il-karti tal-flus foloz m’għandhomx valur.

Filwaqt li t-telf ekonomiku totali għas-soċjetà huwa ġeneralment limitat, il-vittmi li jġarrbu l-ikbar ħsara huma l-individwi u n-negozji li jitwikkew bi flus foloz, minħabba li ħadd ma jirrimborża ’l dawk li jilqgħu karti tal-flus foloz. Il-falsifikazzjoni tal-flus tista’ wkoll ittellef il-fiduċja fis-sistema tal-ħlas, għax il-pubbliku jibda jħossu inċert jekk għandux jaċċetta flus kontanti għat-tranżazzjonijiet.

Il-banek ċentrali jiskoraġġixxu l-falsifikazzjoni billi jiddisinjaw u joħorġu karti tal-flus protetti sew, u billi jedukaw il-pubbliku dwarhom sabiex jillimitaw it-telf li jistgħu jġarrbu l-individwi u n-negozji minħabba l-flus foloz.

X’jagħmel is-CBCDG biex inaqqas l-effetti tal-falsifikazzjoni tal-flus?

It-teknoloġiji kontra l-falsifikazzjoni sostnuti mis-CBCDG jiskoraġġixxu l-falsifikazzjoni diġitali u jfixklu l-produzzjoni tal-karti tal-flus foloz sabiex inaqqsu t-telf tal-individwi u n-negozji.

X’inhi s-CDS?

Is-sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni tal-flus (counterfeit deterrence system – CDS) tikkonsisti f’teknoloġiji kontra l-falsifikazzjoni li ma jħallux il-kompjuters personali u l-apparat tax-xbihat diġitali jikkupjaw jew jirriproduċu x-xbieha ta’ karta tal-flus protetta. Is-sistema ma tippermettix ir-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ karti tal-flus u tħares l-individwi u n-negozji mit-telf li jġarrbu minħabba l-flus foloz.

Is-CDS tippermetti lill-awtoritajiet jindaħlu fil-ħajja privata tal-konsumaturi?

Le. Is-CDS ġiet żviluppata biss biex ma tippermettix li kompjuters personali u apparat tax-xbihat diġitali jirriproduċu karti tal-flus mingħajr awtorizzazzjoni. Is-CDS ma żżommx rekord ta’ kif jintużaw il-kompjuters personali jew l-apparat tax-xbihat diġitali. Saru testijiet indipendenti fuq is-CDS minn terzi li jikkonfermaw li s-CDS bl-ebda mod ma taffettwa l-privatezza tal-individwi.

Is-CDS se tfixkel it-tħaddim effiċjenti ta’ prodotti tal-kompjuters personali?

Il-konsumaturi m’huma se jaraw ebda differenza fit-tħaddim ta’ prodotti tal-kompjuters personali li jkunu mgħammra bis-CDS. Ir-rappreżentanti tas-CBCDG jaħdmu mal-manifatturi tal-ħardwer u s-softwer biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda impatt perċettibbli fuq it-tħaddim tal-prodotti tagħhom.

Liema manifatturi adottaw is-CDS?

Il-manifatturi ewlenin tal-ħardwer u s-softwer adottaw is-CDS minn jeddhom għaliex għarfu l-ħsara li l-flus foloz jistgħu jagħmlu lill-klijenti tagħhom u lill-pubbliku ġenerali.

Għaliex hija meħtieġa s-CDS?

Għalkemm l-użu ta’ kompjuters personali u apparat tax-xbihat diġitali għall-falsifikazzjoni tal-flus ivarja minn pajjiż għal ieħor, illum il-falsifikazzjoni saret iktar faċli mill-imgħoddi minħabba l-avvanzi teknoloġiċi. Filwaqt li l-livelli ġenerali tal-falsifikazzjoni għadhom baxxi, is-CBCDG jaħdem kemm biex jiskoraġġixxi l-użu tat-teknoloġija diġitali għall-falsifikazzjoni tal-flus kif ukoll biex iħares is-sigurtà tal-flus.

Is-CDS se ttejjeb is-sigurtà tal-karti tal-flus?

Is-sigurtà tal-karti tal-flus tinkiseb permezz ta’ saffi ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà komplementari. Il-pubbliku min-naħa tiegħu jista’ jiċċekkja l-karatteristiċi viżibbli ta’ sigurtà. F’kull pajjiż, l-awtorità li toħroġ il-flus għandha programm biex tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni u hija responsabbli biex tagħżel is-sett ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà l-iżjed adattati għall-karti tal-flus tagħha. Is-CDS hija waħda mis-saffi ta’ protezzjoni li l-awtoritajiet li joħorġu l-flus jistgħu jużaw biex jiskoraġġixxu l-falsifikazzjoni diġitali.

L-użu ta’ teknoloġiji kontra l-falsifikazzjoni fi prodotti tal-kompjuters personali se jkun suġġett għal leġiżlazzjoni?

Għadd ta’ pajjiżi qegħdin jikkunsidraw li jdaħħlu leġiżlazzjoni, preferenzi tal-akkwist u restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni. Il-korpi leġiżlattivi tal-pajjiżi differenti għandhom jiġu kkonsultati għal iżjed tagħrif.